Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizza l-attività Celebrating Success, Inspiring New Beginnings, organizzata mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika biex turi l-esperjenzi u r-riżultati miksuba mill-iskejjel tal-Knisja permezz ta' Erasmus+ u programmi oħra ta' finanzjament.
Bis-saħħa ta' dawn il-programmi ġew appoġġjati aktar minn 50 skola tal-Knisja f'Malta u Għawdex li jedukaw madwar terz tal-istudenti f'Malta u Għawdex. F'Malta bħalissa hemm 82 proġett Erasmus+, li 24 proġett minnhom huma mmexxija minn skejjel tal-Knisja, b'investiment li jilħaq madwar €1 miljun, fejn se joffru opportunitajiet ta' tagħlim u mobbilità lil aktar minn 600 parteċipant fost studenti, għalliema u staff edukattiv.
Matul l-attività ġew ippreżentati diversi esperjenzi ta' skejjel li ħadu sehem fi proġetti ta' mobilità Erasmus+, fosthom taħriġ u job-shadowing għall-edukaturi, opportunitajiet ta' mobilità għall-istudenti, kif ukoll proġetti ta' kollaborazzjoni ma' skejjel u organizzazzjonijiet Ewropej. Ġie enfasizzat ukoll kif skejjel Maltin qed jilqgħu edukaturi u studenti minn pajjiżi oħra, biex il-kooperazzjoni Ewropea tkun skambju ta' għarfien u esperjenzi fiż-żewġ direzzjonijiet.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti faħħar ir-riżultati miksuba mill-iskejjel tal-Knisja, li qal jirriflettu impenn ċar favur edukazzjoni ta' kwalità, aktar internazzjonalizzazzjoni u innovazzjoni pedagoġika. Huwa laqa' wkoll il-fatt li llum hemm 11-il skola tal-Knisja akkreditata taħt il-programm Erasmus+, riżultat li juri kif aktar skejjel qed jagħrfu l-valur tal-opportunitajiet Ewropej. Il-Ministru ħeġġeġ lil dawk l-iskejjel li għadhom qatt ma applikaw jew ma bbenefikawx minn Erasmus+ sabiex jieħdu l-pass li jmiss biex aktar studenti, edukaturi u komunitajiet skolastiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi Ewropej.
Dr Ian Mifsud, id-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika enfasizza li Erasmus+ isaħħaħ l-iskejjel tal-Knisja permezz ta' sħubijiet internazzjonali, żvilupp professjonali u mobilità għall-istudenti, filwaqt li jippromwovi l-valur tal-komunjoni fl-Edukazzjoni Kattolika.
Il-Kap tas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika, Rev. Dr. Mark Ellul qal, “Il-proġetti Erasmus+ isaħħu l-missjoni tal-iskejjel tal-Knisja billi joħolqu opportunitajiet għall-istudenti u l-edukaturi biex jitgħallmu, jikkollaboraw u jikbru. Permezz ta' sħubijiet Ewropej, jippromwovu l-inklużjoni, l-innovazzjoni, l-iżvilupp professjonali u l-iskambju ta' prattiki tajbin."
Min-naħa tal-European Union Programmes Agency, il-Kap Eżekuttiv Raphael Scerri ħeġġeġ lil dawk li għadhom ma ħadux sehem biex jifhmu li Erasmus+ mhuwiex biss programm ta' finanzjament, iżda huwa opportunità biex jinfetħu bibien ġodda għat-tagħlim, biex jinbnew sħubijiet Ewropej b'saħħithom u biex l-istudenti jingħataw l-aqwa preparazzjoni possibbli għall-futur. “Nittama li naraw aktar skejjel jipparteċipaw u jibdew jippreparaw għas-sejħa li jmiss fi Frar 2027," għalaq is-Sur Scerri.
Dan l-avveniment saħħaħ l-importanza tal-fondi Ewropej fil-ħolqien ta' opportunitajiet konkreti ta' tagħlim u uriet biċ-ċar kif Erasmus+ se jkompli jkun għodda importanti biex jiġu appoġġjati l-istudenti, l-edukaturi u l-komunitajiet skolastiċi madwar Malta u Għawdex.